Reċensjoni ta’ Godwin Ellul

Ġamar taħt l-Irmied

Għad-dell tal-Ġakaranda: Poeżiji ta’ Carmel G. Cauchi, Stampat fil-Veritas Press, pp.90, b’daħla kritika mill-Prof Oliver Friggieri u qoxra artistika minn Frank Schembri.

Jien dell ta’ pellegrin
li jterraq solitarju
u jogħtor b’pass għajjien
mal-mogħdijiet taż-żmien.
(Dell ta’ pellegrin)

Nixtieq biss li int tixgħelli
kewkba ċkejkna fis-smewwiet,
u din tkun il-kewba tiegħi
li fid-dinja qatt ma ‘ddiet.
(Xewqa)

Qabel ma nibdew, naħseb tajjeb ngħidu x’hini l-ġakaranda għax jista’ jkun li l-aktar fost il-qarrejja żgħażagħ li ma jafux. Il-Kullana Kulturali (Għadd 44, Joseph Borġ) tgħid li din ‘‘hija siġra popolari f’pajjiżna minħabba l-fjuri vjola ċar donnhom trumbetti li joħorġu fir-rebbiegħa u fis-sajf. Siġar li jogħlew ħafna anke ‘l fuq minn 25 metru… Il-weraq irqiq u aħdar ċar jagħti li din s-siġra is-sura ta’ siġra eleganti’’ (90-91).

Meta wieħed jifhem dan kollu allura jibda biex jifhem il-ħsieb tal-poeta li flistess titlu ta’ din il-ġabra jagħti ħjiel x’jifhem u x’iħoss il-poeta. L-ideja tal-vjola hija t-tbatija u s-siġra li togħla l-fuq ifisser li tfittex li dejjem tkun aktar qrib il-Ħallieq tagħha. Iżda, jgħidu li l-poeta huwa rifless ta’ żminijietu. Fil-fatt bosta huma dawk il-poeti fostna kemm lokali kif wkoll barranin li jirrakuntaw dak li qed jiġri madwarna bħal per eżempju t-temi ta’ l-ambjent (Joe Friġġieri) jew il-qerda tal-valuri , temi li joħorġu minn ġrajjiet kurrenti bħal gwerer, faqar u inġustizzji. Minn naħa l-oħra poeti oħrajn iħallu dan kollu u jfissru dak li jħossu fuq tema partikolari bħall-qawwa u s-sbuħija tal-baħar, tan-natura, t-tfulija u aspetti oħra. Carmel G. Cauchi m’għandu xejn minn dan kollu għax il-poeżija tiegħu hija rifless tad-djalogu għaddej il-ħin kollu bejnu u bejn ruħu. Djalogu ta’ reżistenza, ta’ musbieħ inemnem li ma ntefiex, ta’ bebbuxu li t-triq ma tilifhiex (Qaluli 51). Djalogu bejn Alla u l-poeta li kważi huwa namur platoniku bejn raġel u mara. Il-ħarsa ta’ l-għajnejn hija biżżejjed u tlissin fil-widnejn jgħid kollox (Qatt daqs illum 78, Bieb 79, Mhux li kieku 81).

Narrazzajoni ta’ vjaġġ li għadu fil-proċess li jitwettaq (Taqbida 81). Proċess ta’ purifikazzjoni u tfittxija, imxennaq biss għad-dehra / ta’ ġmiel wiċċek maħbub (Xita 31, Dell ta’ pellegrin 33, Għada 34, Marda 50). Stennija li l-poeta jasal fl-aħħar stazzjon (Xemx 83). Kuntrast kontinwu bejn ix-xejn tiegħu (Çanfart 15; Proġett 19; Xewqa 20; Biljett 27; Meta għada 27; Insomnia 61) u Alla (Naf Sew 18; Tbissima 29) anke jekk il-poeta kważi qatt ma jsemmih b’ismu. U ruħi mudlama / tistenna bit-tama / li minnhom tiddawwal / xħin jidher jittawwal / id-dawl li hu int! (Twieqi 18, Ìeriko 32)).

Alla huwa il-milja tal-poeta (Eliżir 66). Il-poeta jiddefinixxi lilu n-nifsu bħala ‘qatra nida ġwejda’ (Qatra 26), jew jien pinna siekta ġwejda (Dell ta’ Pellegrin 33). Mhux hekk biss imma anke l-ħarsa tal-Mulej hija ‘ġwejda ġwejda’ (Xrar 79). Hija poeżija eterali, djalogu (Kollokju 26, Laqgħa 40, Dikotomija 40, Skiet 73) li ma jidhirx iżda jinsab hemm, bħar-riħ. Poeżija trasparenti, monologu bin-naħa l-oħra kostanti u tistenna bis-sabar kollu. Wieħed jista’ jaħseb li din l-għanja fuq korda waħda toħloq melodija statika, iżda minflok minn kull poeżija Cauchi jislet esperjenzi ġodda u xorta waħda joħloq dik il-qawsalla ta’ kuluri għall-qarrej. Mela l-poeta barra li huwa vuċi u mergħa tas-soċjetà huwa bniedem iffissat li jeħtieġ jgħanni dwar dak kollu li jkiddu jew iferrħu. Ir-rakkont tal-vjaġġ ta’ Cauchi minn meta telaq sakemm jasal hija l-iffissazjoni ta’ dan il-poeta. Il-poeta jum wara l-ieħor jikkumbatti biex iżomm sod u huwa dan li jimbuttah li jiġġenera dik l-enerġija biex jikteb il-poeżija (Arpa 22). ‘Mma għadni nterraq waħdi / ħa nwassal il-messaġġ; / għotort u nfxilt mhux darba, / ‘mma triq b’oħra ma qbadtx. (Messaġġ 14).

Cauchi huwa poeta ta’ fidi kbira (Xħin fid-dalma nifrex idi 58) u jirrakonta din t-taqbida li l-ħin kollu sseħħ ġewwa fih bħal donnu jippreżentalna ritratt wara l-ieħor ta’ din il-ġlieda bejn t-tajjeb u l-ħażin u Alla spettatur jistennieh, ifittxu u jbiddlu fuq n-naħa l-oħra ta’ l-għadira (Naf ċert 28, Damasku 36, Is-Silenzju Tiegħek 43, Bidla 48, Awrora 61). Kull ġlieda hija stat ta’ indeċiżjoni, kobba imħabbla u għoqiedi (Għad-dell tal-ġakaranda 85), daqqa jirbaħ t-tajjeb u daqqa jirbaħ il-ħażin sabiex b’hekk ninsabu dejjem fi stat ta’ bidla u mistoqsijiet fejn kull poeżija twelled oħra (Waqtiet 30, Pendlu 42, Paradoss 52, Lesta biex isseħħ 71, Għabex 77).

Il-poeżija hija dik li għal ftit tal-ħin twasslu fejn irid jasal qabel iż-żmien u ddewqu l-benna ta’ l-aħħar stazzjon (Diżillużjoni 22). Hija l-pont li jgħaqqad u l-lingwa li biha jitkellem mall-ħallieq (Tard ilbieraħ 52, Jekk għad f’xi ħolma 65). Għaldaqstant hija l-medju u l-monopolju tal-poeta (Għanja 65). Minkejja dan il-konflitt u x-xejn tal-poeta, il-poeżija ta’ Cauchi hija waħda ottimistika, bit-tama tittawwal minn bejn il-linji (Tama 63) u b’raġġ dawl ileħħ f’tarf il-mina (Xi jkun baqa’ …? 55).

Prattikament il-poetika ta’ Cauchi tinqasam fi tlett partijiet : (l) tfulija (Farfett 37, Ûewġ Qatriet 39, Poeżija 45, Rajt is-siġra 58) (ll) proċess ta’ pellegrin (Stazzjon 21, Dell ta’ Pellegrin 33),) u (lll) il-wasla (Naf ċert 28, Ìamar 39, Dubju 53, Kantuniera 57, Il-fanal fil-kantuniera 59). F’dawn ilfażijiet il-poeta juża kliem biex ifisser t-tajjeb u l-ħażin (Ìlieda 23), kliem bħal fjuri (13), xita (31), giżimin (82), nixxiegħa (66), ndafa (66), warda (67), xemx (83), kwiekeb (70,75), is-skiet (73); riħ, is-serp b’sebgħat irjus (Serp 23), għama (84). Dan il-vjaġġ tal-ħolm u ta’ fidi (Óolma 35, Mal-leħħa tal-beraq 59, Çrieki fl-għadira 60, Ward u Ûahar 62) anke jekk huwa wieħed reali ilpoeta jagħmlu fuq ġifen ( Kewkba 75, L-art imwiegħda 78, Xini 84) bħal Odessju li kien wasal il-ħin biex jerġa’ lura lejn saltnatu fuq l-ibħra. Huwa vjaġġ solitarju (Vapur 84) tal-warda mitluqa għaliha weħedha (Warda 64), peprina fuq iċ-ċint (Frak 69), ta’ l-użinjol ikanta waħdu u l-għanja jifhima huwa biss (X’ikun baqa’…? 55), tal-farfett li jittajjar fir-riħ (Bewsa 67), ta’ ħsibijiet li ma jifimhom ħadd (Sigriet 68) Il-proċess taż-żmien ta’ llum huwa l-ġudizzju tal-ġejjieni jew, aħjar, dak li tiżra’ taħsad (Eternità 35). Il-poeta il-ħin kollu jtawwal subgħajh ’il fuq iżda jibqa’ b’saqajh ma’ l-art li għal issa ma jistax jinfatam minnha, b’għajnejh iħarsu ’il fuq ’il-fuq ’il-fuq (Awrikarja 70, Ma’ dis-Siġra 74).

Bejn il-fażi ta’ tfulija u l-wasla hemm distakk qawwi. Tfulija żmien ta’ linnoċenza (Staġuni 24; Hemm 25; Frak 69, Kemm hu sewwa 72) u l-wasla fejn sa’ fl-aħħar il-poeta jara t-trab bil-mod jinġema’ / saffi saffi fuq ħaddejja (Xewqa 20, Fil-jum li fih infridna 49, 57). Iżda dawn iż-żewġ aspetti bejniethom jagħlqu ċ-ċirku għax f’mewtna nerġgħu nsibu l-innoċenza. Ittfulija marbuta ma’ żmien primordjali tan-natura (Ritorn 54, Il-Jien li darba kont 63, Óudni lura 82). Biex tasal jeħtieġ titkisser: illum int fjura bbalzmata / f’album fjuri lkoll nixfin…/ Illum jien farfett imsejken / bi ġwenħajja miksurin (Kemm hu sewwa…72).

Dak li jagħtik gost f’Cauchi hija l-mużikalità tal-vers, l-għażla tar-rima ħafifa u ftit punteġġjatura, is-sengħa kif jaħdem il-kelma Maltija, poeżija konċiża. Iżda dan ma jfisser xejn għax il-veru sbuħija tinsab fil-ħsieb ta’ kull poeżija. U f’leħni mriegħed, dgħajjef / irrid li jsibu l-kelma / mhux jieqfu fillingwa ġġ. (Messaġġ 14) . Il-poeżija ta’ Cauchi hija waħda patriarkali, taħdita bejn żewġt irġiel, fejn s-sess femminil jew il-Madonna m’humiex preżenti. Iżda forsi hija din t-taħdita silettiva bejn il-poeta u l-Qawwa Akbar li jagħmlu il-poeżija ta’ Cauchi waħda partikolari. Għaldaqstant, dawk kollha li jħobbu u huma midħla tal-poeżija Maltija ma jistgħux ma jagħtux każ ta’ dan il-leħen.

Godwin Ellul

 

 

Carmel G. Cauchi © 2009. Cahda |