Reċensjoni minn Charles Magro

 

TAĦDITA M’ALLA KULJUM

 

(Carmel G. Cauchi: MAR-RADD TAS-SALIB; Ħsieb għal kull jum tas-sena.  Pubblikazzjoni Preca; issettjat u stampat fil-Veritas Press, 2008.  Bid-disinn tal-Qoxra ta’ Winston Attard, u disinnji ta’ ġewwa ta’ Frank Schembri)

 

          Illum, iktar minn dari, il-bniedem għandu bżonn jieqaf u jaħseb.  Il-ħajja mgħaġġla ta’ llum lill-bniedem kaxkritu magħha, u b’konsegwenza ta’ dan ħafna mid-deċiżjonijiet li qed jieħu l-bniedem qegħdin jittieħdu mingħajr ma jkunu mmaturati u żviluppati f’mumenti adegwati ta’ ħsieb u ppjanar.  Dan qed jirriżulta f’ħafna żbalji, li minnhom ibati dak stess li jieħu dawn id-deċiżjonijiet mgħaġġla, jew dawk li jgħixu miegħu.

          Ħadd ma jagħmel xejn tajjeb jekk qabel ma jirriflettix, għallinqas għal ftit mumenti, fuq dak li jkun se jagħmel.  Iżda llum il-bniedem isib ħin għal kollox, iżda ftit mumenti għar-riflessjoni jgħid li ma jsibhomx.

          Il-pubblikazzjoni ta’ Carmel G. Cauchi: MAR-RADD TAS-SALIB, tgiddeb lil kulmin jgħid li ma jsibx ħin biex jaħseb.  Tgiddeb lil dawk li jgħidu li għandhom biss ħin għax-xogħol u għax-xalar.  Tgiddeb lil dawk li jgħidu li f’ebda ħin tal-ġurnata ma jsibu ftit ħin biex jiddedikawh għal dak li hu l-aktar essenzjali fl-iżvilupp materjali u spiritwali tagħhom.

          F’dan ix-xogħol Cauchi jippreżenta ħsieb għal kull jum tas-sena, li ma jiħux iktar minn ħames minuti biex wieħed jaqrah u jirrifletti daqsxejn sewwa fuqu.  Kull ħsieb għandu titlu, ispirat minn xi aspett tal-ħajja tal-bniedem.  Taħt it-titlu hemm kwotazzjoni bl-Ingliż, li hi relevanti għall-jum u għax-xahar tas-sena li taħbat fih.  Imbagħad il-ħsieb hu żviluppat minn Cauchi b’mod l-aktar sempliċi, b’mod li jagħti ċ-ċans lill-qarrej jargumenta miegħu nnifsu fuq dak li jkun qed jaqra, b’mod meraviljuż li żgur imiss il-qalb tal-qarrej u jqiegħdlu f’moħħu ħsibijiet li jgħollu ‘l-ispirtu ‘l fuq u jerfgħu lill-qarrej f’livell aktar għoli minn dak tal-ħajja monotona ta’ kuljum.

          Cauchi hu kittieb u poeta.  Għalhekk iħallat flimkien dawn iż-żewġ oqsma ta’ l-arti letterarja billi juża l-proża biex jevolvi l-ħsieb, u l-konklużjoni jagħtiha f’versi l-aktar ħelwin, li jgħinu lill-qarrej biex jifhem aktar u jżomm f’moħħu aktar fit-tul.

          Min se jieħu dan il-ktieb f’idejh se jkollu doża żgħira kuljum ta’ riflessjoni li ssaħħaħ fih viżjoni pożittiva fuq dak li jgħaddi minnu tul ħajtu.  Din ir-riflessjoni ta’ ftit minuti se tgħinu żgur isaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu m’Alla, il-Missier Etern, l-ewwelnett; imbagħad mal-membri l-oħrajn tal-familja tiegħu, ma’ sħabu fuq ix-xogħol, ma’ dawk li jiddeverti magħhom u ma’ dawk kollha li jiltaqa’ magħhom.  Dan minħabba li ċerti temi ttrattati jum wara l-ieħor jolqtu lilu direttament, iżda oħrajn jolqtuh indirettament fir-relazzjoni li jkollu ma’ ħaddieħor.  Fuq kollox, iżda, il-ħsiebijiet jiffukaw fuq ir-relazzjoni l-aktar importanti, dik li l-bniedem għandu jkollu m’Alla.

          Il-ħsibijiet ivarjaw mis-sentimenti tal-bniedem, pożittivi jew negattivi, għall-impennji, id-diffikultajiet, il-problemi u s-suċċessi li jimmarkaw id-diversi mumenti li jagħmlu ħajjet il-bniedem.  Il-ktieb fih 365 ħsieb, daqskemm huma l-jiem tas-sena, u jidher li jolqtu lill-bniedem f’dak kollu li jħoss, li jaħseb, li jgħid, li jagħmel u li jixtieq jagħmel, bla ma jħallu ebda wieħed barra mill-aspetti tal-ħajja tal-bniedem.

          Apparti l-valur letterarju fuqani li, bla dubju, għandu dan il-ktieb, waqt il-qari tal-ħsibijiet jinħass li dan ix-xogħol Cauchi għaġnu b’imħabba partikolari.  L-imħabba li għandu Cauchi għal Alla, għall-proxxmu u għall-ħolqien tinħass ħierġa minn bejniet il-versi.  Dan kollu jiggarantixxi l-ġid li jista’ joħroġ minn dan il-ktieb.

          Kien hawn awturi oħra li tawna ħsieb reliġjuż għal kull jum tas-sena.  Fost oħrajn, kellna lil Mons. Mikiel Azzopardi, u llum għandna l-ktieb “Kliem Il-Ħajja”.  Iżda, mingħajr ma nnaqqas mill-merti ta’ xogħlijiet simili tajbin oħrajn, il-ktieb ta’ Cauchi jolqot direttament lil min ikun qed jaqra għax il-ħsibijiet magħżula jittrattaw esperjenzi li jgħaddi minnhom kulħadd.

          Żgur li kulmin jaqra dawn il-ħsibijiet se jsib dawl li jurih meta fehmtu hi konformi ma’ l-etika tal-ħajja, jew meta hi żbaljata, u f’dan il-każ jindirizzah biex itejjeb ħajtu.

 

Carmel G. Cauchi © 2009. Cahda |