Silta minn Diskors ta’ ALFRED MASSA, President tal-Ghaqda Poeti Maltin fl-okkazjoni tat-Tnedija tal-Ktieb “L-Gheneb Qed Jiswied” fil-Fiera tal-Ktieb, Novembru 2009.

… 
Carmel G. Cauchi hu novellier li b’wiċċi minn quddiem nistqarr li nqisu bħala kittieb prolifiku f’oqsma differenti tal-letteratura tagħna. Lil Carmel ili nafu ħafna u nirringrazzjah pubblikament tal-fiduċja li wera fija, kif ukoll taċ-ċans li tani li nsir midħla sew tal-kitba tiegħu: poetika, prożajka u drammatika, meta afdali f’idejja kull ktieb li ppubblika biex nagħti l-fehma tiegħi dwaru.

Bhala novellier, mhux l-ewwel darba li Cauchi niżżel ismu fost ir-rebbieħa f’diversi konkorsi; u dan juri, li kritiċi differenti - anki jekk il-kritika hija dejjem suġġettiva - għarfu japprezzaw il-ħila li dan il-kittieb għandu fil-kitba tan-novella. Jiena norbot din il-kapaċita` letterarja f’dan il-qasam mal-fatt li hu qatta’ (u għadu jqatta’) ħafna minn ħajtu fost it-tfal u ż- żgħażagħ tagħna, kemm bhala għalliem kif ukoll bħala katekist.

Imbagħad ngħiduha: Min ma jħobbx l-istejjer? L-istejjer iħobbuhom it-tfal u jħobbuhom il-kbar. Imma l-istejjer ta’ Carmel G. Cauchi għandhom xi ħaġa partikolari li rreferejt għaliha aktar qabel. Cauchi jikteb l-istejjer tiegħu bi skop li jwassal messaġġ u dan wieħed jinnotah fin-novelli kollha tiegħu, inklużi dawn miġburin f’dan il-ktieb: L-Għeneb qed jiswied u Novelli oħra u beda jidher saħansitra sa mill-ewwel ġabra li ppubblika fl-1975 Qsari fis-Setaħ.

Ma xtaqtx inħalli barra, qabel nikkummenta dwar din il-pubblikazzjoni, in-novelli tiegħu għat-tfal, fejn ħoloq diversi karattri bil-għan li t-tfal jistgħu jidentifikaw ruħhom magħhom. Hekk ngħidu aħna, niltaqgħu ma’ karattri simpatiċi bħal dawk ta’ Pietru Pitravu u Betta Trumbetta. It-tfal iħobbu jitbissmu u l-awtur ħoloq sitwazzjonijiet apposta fejn daħħal lil dawn il-karattri f’bawxati li jħobbu jagħmlu t-tfal stess. Imma wara dik it-tbissima li jsibu f’dawn l-istejjer hemm moħbija tagħlima siewja għal kull wiehed u waħda minnhom.

Imbagħad hemm ukoll is-sempliċita’ tal-istil, id-djalogar ħaj, il-praspar ħelwin u fuq kollox il-Malti sabiħ u mexxej. X’ma jiġġennux allura t-tfal għall-kotba bħal dawk! Għalija dan huwa mod kif wieħed jeduka lit-tfal moralment u ċivilment mingħajr ma jkun didattiku żżejjed.…

 

 

Carmel G. Cauchi © 2009. Cahda |